Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), b’kollaborazzjoni mal-Bank Malti għall-Iżvilupp (MDB), nieda ‘Go-To-Market’, li hija skema ġdida ta’ €1.5 miljun biex jitwettqu proġetti tal-R&I. Permezz ta’ din it-tnedija qed titwettaq wegħda elettorali kif ukoll miżura tal-Baġit 2022.
‘Go-To-Market’ jifforma parti mill-fond nazzjonali FUSION, fond li jgħin riċerkaturi u imprendituri jwettqu proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni u huwa amministrat mill-MCST.
“Bit-tnedija ta’ din l-iskema u bil-ftehim li ġie ffirmat illum, mhux biss qed inwettqu wegħda oħra tal-Manifest Elettorali, imma wkoll se tiġi fis-seħħ miżura li tħabbret fil-baġit li għadda. Qed naħdmu bis-sħiħ biex nagħtu spinta lis-setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll għajnuna lir-riċerkaturi u fl-aħħar mill-aħħar lill-ekonomija ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti sostna li l-Gvern jemmen f’ekonomija għan-nies u permezz ta’ dan il-ftehim se jiġi attirat aktar investiment minn intrapriżi ġodda u anki eżistenti, b’inqas riskju.
Permezz tal-iskema ‘Go-To-Market’, l-MCST ser toffri sistema komprensiva ta’ appoġġ lill-inventuri biex jiżviluppaw u jottimizzaw l-innovazzjonijiet tagħhom. Din l-iskema se sservi wkoll bħala konklużjoni għaċ-ċiklu ta’ żvilupp ta’ teknoloġiji ġodda promossi taħt FUSION. Dan l-appoġġ huwa mfassal biex iwassal għar-rilaxx kummerċjali aħħari ta’ dawn it-teknoloġiji fis-suq globali. L-MDB kien fundamentali fit-twettiq ta’ din l-iskema, li tipprovdi kemm qafas eżistenti kif ukoll għarfien biex jiġi żgurat li tinħoloq skema b’disinn xieraq u effettiv.
Iċ-Chairman tal-MCST Dr Jeffrey Pullicino Orlando qal li, “Kburin li qed inniedu dan il-programm ġdid, li ħloqna flimkien mal-MDB, biex nixprunaw riċerkaturi Maltin jiżviluppaw u jottimizzaw l-innovazzjonijiet tagħhom. B’hekk inkunu qed nindirizzaw lakuna eżistenti billi noffru kundizzjonijiet mill-aktar favorevoli biex il-qabża lejn il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew servizz, li teħtieġ investiment konsiderevoli, tkun mill-inqas esposta għar-riskji.”
Iċ-Chairman tal-MDB Prof Josef Bonnici qal li, “Huwa ta’ sodisfazzjon li b’din il-kollaborazzjoni se niffaċilitaw aċċess għall-finanzjament f’żewġ niċeċ importanti – start-ups u intrapriżi li joperaw f’ambitu diġitali u innovattiv. Dan se jkompli jagħti spinta biex l-ekonomija Maltija ssir iktar diversifikata, diġitali, ħadra u innovattiva.”
Wara t-tnedija tal-iskema ‘Go-To-Market’, ġie ffirmat ftehim li jiżgura li s-sħubija produttiva bejn l-MDB u l-MCST tkompli għall-benefiċċju tal-imprendituri Maltin.